Torta għal San Valentinu

Din hi riċetta speċjali għal jum speċjali!

Ingredjenti

600g għaġina ħelwa… skont l-istruzzjonijiet 1 sa 6 tar-riċetta ‘Flan tal-Kiwi u Irkotta’ mogħtija f’dan il-ktieb
150g ċikkulata sewda mqattgħa f’biċċiet
120g marġerina
120g zokkor
120g bajd
120g frak tal-kejk… irid ikun taċ-ċikkulata jew tal-vanilja u xi ftit xott
50g trab taċ-ċikkulata skura
40g chocolate chips

Ingredjenti Għall-Kisi

80g ċikkulata skura
50g zokkor
bott mascarpone
vażett krema friska
likur taċ-ċikkulata jew rum iswed

Metodu

  • Ixgħel il-forn 1800C, gass numru 4.
  • Lesti l-għaġina u ħalliha tistrieħ. Sadanittant, ipprepara l-mili.
  • Qiegħed il-marġerina u z-zokkor ġo skutella u ħaddimhom tajjeb. Żid il-bajd, iċ-chocolate chips, it-trab taċ-ċikkulata u l-frak tal-kejk. Kompli ħaddem sakemm l-ingredjenti kollha jitħalltu tajjeb.
  • Iftaħ l-għaġina. Segwi l-istruzzjonijiet 8 sa 10 tar-riċetta ‘Flan tal-Kiwi u Irkotta’.
  • Ferra’ t-taħlita fil-forma u sajjar fil-forn għal madwar 40 minuta.
  • Neħħi t-torta mill-forn u ħalliha għal xi 5-8 minuti fil-forma qabel tneħħiha u tħalliha tkompli tiksaħ fuq xibka tal-ħadid.
  • Xarrab tajjeb il-wiċċ tat-torta b’xi likur taċ-ċikkulata jew rum iswed.
  • Qiegħed il-mascarpone, iz-zokkor u l-krema ġo skutella u ħaddem tajjeb.
  • Qiegħed iċ-ċikkulata f’kazzola u dewwibha banju marija. Oqgħod attenta li ma jidħolx ilma fil-kazzola.
  • Żid iċ-ċikkulata mdewba mat-taħlita tal-mascarpone.
  • Iksi t-torta b’din it-taħlita. Kessaħ tajjeb għal mhux anqas minn 4 sigħat.
  • Tista’ żżejjen il-wiċċ tat-torta b’ċikkulatini differenti u mbagħad troxx ftit trab taċ-ċikkulata fuqhom. Tista’ tagħżel ċikkulatini li jkunu miksijin b’karti ta’ kuluri differenti u żżejjen b’dawn.
Shopping Basket