About Us
KLABB TAT-TISJIR
Anton B. Dougall
Meta fl-1970, Anton B. Dougall spiċċa l-istudji tiegħu fil-qasam tat-tisjir, fl-MCAST, ħass il-ħtieġa li jkun hawn aktar tagħlim tat-tisjir għall-mara tad-dar u l-pubbliku inġenerali. Dak iż-żmien, Anton kien għad kellu biss 18-il sena imma kien ġa ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Tisjir Professjonali. Fl-1969 kien diġà esprima x-xewqa li jtejjeb il-kċina Maltija meta deher jitkellem fuq it-televiżjoni u r-radju, żewġ mezzi tal-midja għal qalbu ħafna, tant li wara 50 sena għadu attiv sewwa fuqhom u matul is-snin saħansitra kellu programm fuq ir-RAI u l-BBC. Maż-żmien serva wkoll, diversi drabi, parti minn ġurija internazzjonali, xi drabi fi programmi televiżivi.
Mimli enerġija żagħżugħa, Anton wera determinazzjoni li jagħmel xi ħaġa biex jiftaħ il-bieb tal-kċina Maltija għal aktar kwalità, varjazzjoni, u organizzazzjoni. Kien għall-aħħar kwart tas-sena 1970 li Anton B. Dougall waqqaf il-Klabb tat-Tisjir, li għadu attiv ħafna sal-ġurnata tal-lum. Fil-bidu kien beda jistampa r-riċetti fuq stensil letter u jibgħathom fid-djar bil-posta. Imbagħad kien jirċievi lura envelopp vojt b’bolla mwaħħla, u jerġa’ jibgħat riċetta oħra. L-inizjattiva malajr kisbet suċċess kbir, tant li l-ewwel riċetta ntbagħet f’200 dar imma, sa tnax-il xahar wara, dawk li xtaqu jirċevuha kien qabżu t-3,000. Wara sena, il-Klabb tat-Tisjir beda jippubblika rivista ta’ kull xahar bl-isem Il-Menu, li damet toħroġ ħames snin.
Uħud mill-akbar suċċessi ta’ dan il-klabb kienu l-cards tat-tisjir, fejn ġew stampati 25,000 sett. Suċċess kbir kienu wkoll is-sett ta’ kotba Tisjir bil-Għaqal, abbinati mat-TV. Bejn erba’ kotba ġew stampati total ta’ 80,000 kopja. Wara dawn, Anton ippubblika 55 ktieb ieħor, mimlijin riċetti u informazzjoni varjata fuq l-ikel u t-tisjir.
Nistgħu ngħidu li kien Anton li beda r-rivoluzzjoni tat-tisjir ġewwa Malta. Matul is-snin Anton uża diversi mezzi biex jgħallem eluf ta’ nies isajru u mhux ta’ b’xejn li llum isem Anton B. Dougall huwa sinonimu mat-tisjir, u l-kotba u l-programmi tiegħu huma ferm imfittxija min-nies. Fuq is-social media, il-Klabb tat-Tisjir illum għandu paġna b’37,000 membru, u issa hemm paġna oħra ddedikata biss għall-ikel Malti.
F’dawn l-aħħar ħames snin, Anton B. Dougall kiteb wieħed mill-aqwa kotba li qatt ippubblika, A Sweet Taste of Malta – ktieb bl-Ingliż, hard bound, dwar il-ħelu Malti. Barra mir-riċetti u ritratti sbieħ, il-ktieb huwa mżewwaq bi storja ta’ ħelu tradizzjonali xahar b’xahar. Dan il-ktieb huwa xhieda tal-enerġija gastronomika u l-imħabba lejn l-ikel Malti li Anton għad għandu. Skont Anton, dan il-ktieb bl-Ingliż jista’ jitqies bħala l-bibbja tal-ħelu Malti.
Mal-ħafna pubblikazzjonijiet ta’ Anton, insibu wkoll il-ktieb A Taste of Malta, ktieb li jittratta l-ikel Malti u s-sett ta’ 50 card bl-Ingliż, jisimhom Maltese cuisine.
Tajjeb ngħidu li, fil-karriera twila tiegħu, Anton B. Dougall dejjem ta importanza kbira lill-ikel Malti, kemm f’Malta u kemm barra minn Malta. Kien hu li beda jħajjar u jinċentiva lin-nisa tad-dar ivarjaw u jkunu kburin bil-kċina Maltija. Emmen bis-sħiħ fil-prodott Malti u l-użu tiegħu fit-tisjir. Barra milli għallmu u anke servieh, kiteb diversi kotba fuq l-ikel Malti, bil-Malti stess, bl-Ingliż, u bil-Ġermaniż.
Anton B. Dougall ippromwova l-ikel Malti meta serva diversi nies prominenti u kapijiet ta’ stati. Serva ikel Malti meta tqabbad, fil-kapaċità tiegħu, biex jipprepara żewġ okkażjonijiet għall-Altezza Rjali tiegħu, il-Prinċep William, meta żar Malta fl-anniversarju tal-Indipendenza. F’okkażjoni oħra, Anton ingħata l-unur mill-Awtoritajiet biex jippreżenta mejda b’ikel Malti waqt iż-żjara tal-Maestà Tagħha, ir-Reġina Eliżabetta II, u l-Altezza Rjali, il-Prinċep Philip. Anton wieġeb għal ftit mistoqsijiet tar-Reġina imma kien il-Prinċep l-aktar li wera interess, speċjalment fil-ħobż tal-Malti.
50 sena ta’ tagħlim… pubblikazzjonijiet… u promozzjoni qawwija lill-ikel Malti. Anton B. Dougall ħaqqu jkun onorat għax-xogħol li wettaq.
F’għeluq il-50 sena
Għall-aħħar ta’ din is sena, il-Klabb tat-Tisjir jagħlaq 50 sena. Kien fl-1970 li Anton B. Dougall ħass il-ħtieġa li jkun hawn aktar tagħlim lill-pubbliku fuq it-tisjir, u għaldaqstant waqqaf il-Klabb tat-Tisjir.
Matul is-snin, bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, ġew organizzati għadd kbir ta’ korsijiet, eluf ta’ programmi fuq it-televixin u r-radju, u ppubblikati aktar minn 55 ktieb tar-riċetti. Kien Anton B. Dougall li, bis-saħħa ta’ dan kollu, fetaħ il-bieb tal-kċina Maltija għal aktar varjazzjoni u organizzazzjoni.
Nixtiequ nħajru lill-organizzazzjoni tiegħek biex ittella’ feature dwar din l-istorja ta’ suċċess li bdiet bi stencil letter sempliċi u ntemmet b’eluf ta’ kotba stampati.
Għal aktar informazzjoni ibgħat email lil Anton B. Dougall fuq anton@astoria.mt jew ċempel fuq 99494846.
50-year anniversary
Towards the end of this year the local culinary association, ‘Klabb tat-Tisjir’ will be celebrating its 50-year anniversary. It was back in 1970 when Mr Anton B. Dougall felt the need for more public knowledge about cooking and subsequently founded the association (Klabb tat-Tisjir).
During the years, numerous culinary courses were organised thanks to this initiative, together with the airing of thousands of television and radio programs, and the publishing of more than 55 recipe books. It was Anton B. Dougall who, thanks to this endeavour, opened the Maltese kitchen door to more food variation and organisation.
We would like to invite your organisation to produce a feature documenting this successful story which started with a simple stencil letter and ended with thousands of copies of books.
For more information kindly send an email to Anton B. Dougall on anton@astoria.mt or call 99494846.
Interested? Shop Any Cookery Course Or A Book From Our Shop