Kejk tal-Milied b’Anqas Xaħam

Dan il-kejk tal-Milied hu tajjeb kemm għal dawk il-persuni li qegħdin bid-dieta kif ukoll għal dawk li ma jistgħux jieklu ħafna xaħmijiet minħabba xi kundizzjoni medika. Dawn il-persuni għandhom DEJJEM jieħdu l-parir tat-tabib tagħhom dwar l-ikel li jistgħu jieklu.

Ingredjenti

300g taħlita ta’ żbib, sultana, berquq niexef u konfettura
225g dqiq self-raising
100g zokkor ismar
50g butir
225ml tè jaħraq… tista’ tuża tè li jkollu togħma differenti
80ml taħlita ta’ meraq frisk tal-larinġ u brandy
2 bajdiet
qoxra ta’ larinġa u lumija, maħkukin
kuċċarina ħwawar imħalltin (mixed spice)
zokkor ismar żejjed… għall-wiċċ
essenza tal-vanilja

Metodu

  • Qatta’ l-berquq f’biċċiet żgħar u poġġih ġo skutella. Żid il-bqija tal-frott l-ieħor u l-qxur tal-larinġa u lumija. Ferra’ t-tè jaħraq u l-meraq tal-larinġ u brandy. Ħawwad tajjeb u għatti bl-istretch and seal. Ħalli t-taħlita toqgħod għal mhux anqas minn 4 sigħat. L-aħjar hu li tħalliha toqgħod tul lejl sħiħ.
  • Ixgħel il-forn 1800 C, gass numru 4.
  • Idlek forma tonda ta’ kejk b’dijametru ta’ 20ċm bil-marġerina u għaddiha ħafif bid-dqiq.
  • Qiegħed il-butir u z-zokkor ġo skutella u ħabbat tajjeb sakemm it-taħlita ssir qisha krema. Ikollok riżultat aħjar jekk tuża hand beater tal-elettriku.
  • Żid il-bajd u erġa’ ħabbat. Żid id-dqiq ftit, ftit filwaqt li tibqa’ tħabbat il-ħin kollu. M’ hemmx għalfejn tuża l-hand beater tal-elettriku meta tkun qed iżżid id-dqiq.
  • Żid it-taħlita tal-frott ftit, ftit u ħawwad tajjeb.
  • Ferra’ t-taħlita fil-forma, illixxa l-wiċċ u roxx ftit zokkor ismar fuqu.
  • Aħmi għal madwar siegħa jew sakemm l-iskewer toħroġ nadifa meta ddaħħalha fil-kejk.
  • Oħroġ il-kejk mill-forn u ħallih JIKSAĦ qabel tneħħih mill-forma.

NOTA: Qabel taħmi l-kejk, qiegħed dixx bl-ilma fil-qiegħ tal-forn. Il-fwar li joħroġ mill-ilma jgħin biex il-kejk jiġi umdu.

Shopping Basket