Din ir-riċetta hi mod ideali ta’ kif tista’ tuża l-pannettone jew il-pandoro li jifdallek wara li jkunu għaddew il-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena. Jekk se tuża pandoro, żid daqs ponn imħallat ta’ żbib, sultana u chocolate chips mat-taħlita.
Ingredjenti
250g dqiq self-raising
200g pannettone xott
200ml ħalib
80g zokkor
75ml żejt
2 bajdiet
½ kuċċarina bikarbonat
qoxra ta’ lumija maħkuka
icing sugar
Metodu
- Saħħan il-forn 1800C-1900C, gass numru 4-5.
- Idlek forma tal-kejk b’dijametru ta’ 20ċm bi ftit marġerina u għaddiha ħafif bid-dqiq. L-aħjar li tuża forma bit-toqba fin-nofs.
- Għarbel id-dqiq u l-bikarbonat ġo skutella kbira. Żid iz-zokkor flimkien mal-ponn frott jekk iddeċidejt li żżidu. Farrak il-pannettone f’biċċiet żgħar ħafna, żidu mat-taħlita u ħawwad tajjeb.
- Ħabbat flimkien il-bajd, il-ħalib u ż-żejt ġo skutella oħra. Żid il-qoxra tal-lumija u ħaddem għal ftit ħin ieħor.
- Żid it-taħlita ta’ dqiq u pannettone mat-taħlita tal-bajd. Ħawwad tajjeb sakemm it-taħlita tiġi lixxa.
- Imla l-forma tal-kejk b’din it-taħlita u llixxa l-wiċċ.
- Sajjar fil-forn għal 40-45 minuta. Bl-użu ta’ skewer iċċekkja li l-kejk ikun inħema sew qabel toħorġu mill-forn.
- Dan il-kejk jiġi artab ħafna minħabba li fih iż-żejt. Għalhehkk hu importanti li tħallih fil-forma għal madwar 10 minuti qabel toħorġu minnha u tpoġġih fuq xibka tal-ħadid.
- Ferrex ftit icing sugar fil-wiċċ qabel isservih.