Steak and Kidney Pie

Il-laħam meħtieġ għal din ir-riċetta jista’ jkun għolja tal-koxxa jew rump. L-importanti hu li ma jkollux ħafna xaħam.

Ingredjenti

500g għaġina sfoll
500g ċanga
400g kliewi taċ-ċanga
300g basal
50g marġerina
3 mgħaref dqiq
bajda mħabbta
ilma
dada taċ-ċanga
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

  • Naddaf il-laħam u qattgħu f’biċċiet żgħar.
  • Ixgħel il-forn 2000C, gass numru 6.
  • Naddaf tajjeb il-kliewi u qattagħhom f’biċċiet żgħar. Laħlaħ tajjeb għal iżjed minn darba.
  • Qaxxar il-basal u qattgħu f’biċċiet żgħar.
  • Dewweb il-marġerina ġo taġen kbir u fond u qalli l-basal mingħajr ma tħallih jieħu kulur. Żid il-laħam u l-kliewi u kompli sajjar sakemm il-laħam jieħu kulur kannella minn barra.
  • Baxxi n-nar u żid id-dqiq. Roxx ftit bżar u melħ u kompli sajjar filwaqt li tħawwad il-ħin kollu.
  • Farrak id-dada taċ-ċanga u żid 2 tazzi ilma. Kompli ħawwad u sajjar għal ftit minuti oħra. Neħħi t-taġen minn fuq in-nar.
  • Agħżel dixx taċ-ċaqquf bix-xifer wiesa’ u qiegħed it-taħlita ġo fih.
  • Ferrex ftit dqiq fuq il-mejda tal-kċina u iftaħ l-għaġina. Iksi l-wiċċ tad-dixx biha. Agħmel ftit xquq fil-wiċċ biex il-fwar joħroġ u l-għaġina ma tirtabx.
  • Idlek il-wiċċ tal-għaġina bil-bajda mħabbta u aħmi għal madwar 45 minuta.
  • Servi sħuna bil-patata maxx u ħaxix mgħolli.
Shopping Basket