Prinjolata

Il-Prinjolata hija l-ħelu tradizzjonali Malti għal żmien il-Karnival. Oriġinarjament il-prinjolata kienet issir bil-krema tal-butir (butter cream); u ir-raġuni prinċipali kienet li anki jekk ma ddaħħalx il-prinjolata fil-fridge din ma tiħżinix.
Iż-żmien li jiġi ċċelebrat il-Karnival huwa meta t-temp ikun pjuttost kiesaħ u għalhekk il-butir jew il-margarine ma jdubux. Però għar-raġuni li din il-krema ftit li xejn ma hija tajba għas-saħħa, jiena qiegħed nagħmel tibdil fil-krema. Qed inżid ukoll, ġewż, lewż u prinjoli mat-taħlita ta’ ġewwa biex bihom it-tomgħa titjieb.
Jekk tħarsu lejn il-prinjolati kummerċjali u li jinbiegħu bl-użin tinduna li lanqas krema ma jkun fihom; għax il-kulur tagħhom ikun ferm skur. Biex jagħmlu din il-prinjolata jħalltu dawk l-ingredjenit kollha li jkollhom żejda fid-dolċerija.

Galettini ta’ l-Għaġina Ħelwa

Ingredjenti

480g dqiq ‘plain’
300g margarine
120g zokkor
2 bajdiet
essenza tal-vanilla
qoxra maħkuka ta’ lummija

Metodu

  • Ġo skutella għarbel id-dqiq. Trid tgħarblu għal aktar minn darba. Int u tgħarbel id-dqiq trid iżżomm il-passatur kemm tista ‘l fuq. Din biex iddaħħal kemm tista arja, int u tgħarbel.
  • Żid il-margarine. Jekk se tuża l-mixer, biex tagħmel l-għaġina; allura trid tuża l-ganċ. Tista tagħmel din l-għaġina b’ idejk.
  • Ħaddem sewwa bejn idejk il-margarine u d-dqiq, sakemm it-taħlita tiġi qisha ramel safrani. Ma tridx tibqa tidher il-margarine.
  • Ġo bieqja żgħira ħallat il-bajd flimkien maz-zokkor, il-qoxra ta’ lummija u l-essenza tal-vanilla. Ħallat sew. Żid din it-taħlita ma’ dik tad-dqiq u margarine. Ħallat sew u għaqqad biex itfforma għaġina. Hija mportanti ħafna li tħaddem biss għal ftit minuti.
  • Jekk tkun qed tuża l-mixer naddaf tajjeb il-ganċ. Ifforma l-għaġina f’ forma ta’ ballun. Ma tridx iżżid dqiq. Poġġi l-għaġina f’ bieqja u għatti tajjeb b’ sarvetta mxarrba.
  • Jekk qed tagħmel l-għaġina b’idejk; neħħi l-għaġina kollha li jkollok mas-swaba. Ifforma l-għaġina f’ forma ta’ ballun. Ma tridx iżżid dqiq. Poġġi l-għaġina f’ bieqja u għatti tajjeb b’ sarvetta mxarrba.
  • Trid tħalli l-għaġina toqgħod mil-lanqas għal siegħa. Jekk jkollok il-kċina sħuna; allura trid tpoġġiha fil-fridge.
  • Neħħi l-għaġina mil-bieqja u poġġiha fuq il-mejda. Aqta biċċa minnha u għamilha f’forma ta’ zalzetta. Aqta l-għaġina f’forma ta’ gallettini żgħar.
  • Poġġihom fuq dixx tal-forn u sajjar f’forn moderat sakemm isiru. Ma jridx jiġu skuri. Neħħi mid-dixx u ħallihom jiksħu tajjeb.

Krema Pastiċċjera

Ngħid il-verità l-aħjar ħaġa hi li tużaw krema pastiċċjera tat-trab u żżidilha ilma jew ħalib. Ir-riżultat ikun tajjeb żgur u hija faċli ħafna biex tagħmilha. Jekk qed tuża din il-krema wara li tkun lestejtha żid il-krema friska u kompli ħawwad. JGħal min irid jagħmilha hu, din hija r-riċetta.

Ingredjenti

600ml ħalib
100g zokkor
essenza tal-vanilla
2 isfra tal-bajd
40g cornflour
400ml krema friska jew tal-pakett

Metodu

  • Ġo kazzola qiegħed il-ħalib flimkien mal-essenza tal-vanilla u z-zokkor. Trid tħalli ftit ħalib biex tħalltu mal-cornflour. Poġġi l-kazzola fuq nar moderat sakemm il-ħalib jiftaħ jagħli.
  • Ġo bieqja għamel il-ħalib li tkun ħallejt flimkien mal-isfar tal-bajd u l-cornflour. Ħawwad tajjeb biex il-cornflour tinħall.
  • Meta l-halib jiftaħ jagħli, baxxi n-nar u żid il-cornflour. Kompli sajjar sakemm it-taħlita taqgħad. Trid tħawwad il-ħin kollu.
  • Meta t-taħlita taqgħad neħħi minn fuq in-nar. L-aħjar ħaġa hi li xxerred il-krema fuq mejda jew anki biċċa rħama, sakemm tiksaħ. Minn ħin għal ieħor trid tħaddimha u tqallibha.
  • Meta tkun kesħet għal kollox poġġiha fil-mixer u ħaddem sewwa. Żid il-krema, u kompli ħawwad sakemm t-taħlita tiġi ħaġa waħda.

Xkuma Taljana

Sabiex l-ixkuma ddum fuq il-prinjolata, mingħajr ma titħassar jkun hemm bżonn ta’ tip ta’ xkuma differenti minn dik li mdorrijin nagħmlu. Dan għaliex l-ixkuma normali fi ftit siegħat tinżel u ma tibqax soda. Għalhekk trid tagħmel din l-ixkuma Taljana. Biex tagħmel din l-ixkuma tkun ħaġa tajba li jkollok termometru tal-ħelu.

Ingredjenti

150g abjad tal bajd
300g zokkor
90g ilma
ponta ta’ kuċċarina cream of tartar

Metodu

  • Poġġi l-ilma, iz-zokkor u l-cream of tartar ġo kazzola. Saħħan fuq in-nar sakemm it-taħlita tisħon għal madwar 2400F (1180C).
  • Ġo bieqja qiegħed l-abjad tal bajd u ħaddmu sakemm jikber u jiġi rawa.
  • Kif it-taħlita taz-zokkor tkun għada taħraq, bil-mod ħafna trid iżżidha mal-abjad tal-bajd u kompli ħaddem sakemm it-taħlita taqgħad u tiġi xkuma sabiħa u wieqfa.

Kif Tibni il-Prinjolata

Ingredjenti

galettini magħmulin mill-għaġina ħelwa
krema
xkuma taljana
80g lewż inkaljat
80g ġewż
60g prinjoli nkaljati
20g prinjoli bojod
ċirasa ħamra.
ċikkulata. Jekk jista jkun trid tuża ċikkulata ‘plain’
xorb li tiggosta
20g pistaċċi

Metodu

  • Warrab ftit ċirasa, lewż, ġewż u l-prinjoli bojod biex iżżejjen.
  • Qiegħed il-galettini ġo bieqja. Xarrabhom bix-xorb.
  • Magħhom żid il-krema, ġewż, lewż, prinjoli nkaljati u ċ-ċirasa. Ħawwad tajjeb.
  • Ħu bieqja mdaqqsa jew tnejn żgħar. Iksihom bl-stretch and seal.
  • Imla l-bwieqi b’ din it-taħlita. Għatti sewwa bl- stretch and seal. Għafas it-taħlita l-isfel u poġġiha fil-fridge għal mhux anqas minn siegħa jew tnejn.
  • Oħrog il-prinjolata mill-bieqja u poġġiha fuq platt ċatt. Neħħi li-stretch and seal.
  • Dewweb iċ-ċikkulata “banju maria”. Jew fil microwave
  • Iksi l-prinjolata bl-ixkuma u żejjen biċ-ċikkulata maħlulha, ċirasa, prinjoli bojod u pistaċċi. Meta ċ-ċikkulata tiksaħ tibbies u tifforma dawk l-istrixxi li jagħmlu tant sabiħ fuq il-prinjolata.
Shopping Basket