Ingredjenti
Kif Taghmel L-Ghagina
235ml ilma fietel
350g dqiq plain
1.25 kuċċarina ħmira
2 imgħaref żejt taż-żebbuġa
kuċċarina melħ
kuċċarina zokkor
Metodu
- Ġo bieqja żgħira qiegħed il-ħmira u kuċċarina zokkor. Ħallat tajjeb. Ferra l-ilma fietel u ħawwad. Qiegħed fil ġenb, sakemm it-taħlita tikber u fil-wiċċ ikollha r-ragħwa.
- Ġo beiqja kbira għarbel id-dqiq. Żid il-melħ u ħallat tajjeb.
- Mad-dqiq żid it-taħlita tal-ħmira flimkien maż-żejt. Għaġen sewwa sakemm l-għaġina tiġi lixxa (smooth). Ifforma l-għaġina f’forma ta’ ballun. Erġa qiegħed ġo l-iskutella. Għatti b’ċarruta mxarrba u ħalliha f’post sħun għal madwar sagħtejn jew sakemm tara li t-taħlita telgħet id-doppju.
- Ferrex ftit dqiq fuq il-mejda fejn tkun se taħdem l-għaġina. Ħaddem b’idejk u erġa poggi l-għaġina fl-iskutella sakemm terġa titla. Erġa għatti b’ċarruta mxarrba u ħalliha f’post sħun.
- Din id-darba tinduna kemm l-għaġina tieħu wisq anqas żmien biex terġa titla. B’hekk l-għaġina ma jkolliex ħafna tomgħa ta’ ħmira.
- Jekk se tiffriża l-għaġina poġġiha ġo borża tal-plastic; issikka l-isfel u ffriża għal mhux aktar minn tliet xhur.
Kif Tibda L-Pizza
Jekk se tagħmel il-pizza f’forom żgħar u tondi jew pizza magħluqa (calzone) allura aqta biċċet mill-għaġina u fforma fi blalen żgħar. Tista tagħmel hekk anki qabel ma tiffriża l-għaġina; u b’hekk issibha lesta meta tkun tridha. Iftaħ b’idejk jew bil-lembuba.
Zalza
Din għandha tkun zalza tat-tadam komuni. Iġifieri tadam biss mingħajr xejn miżjud. Tista tuża passato tal-flixkun. Ma trid tagħmel ħafna kunserva.
Mozzarella
Importanti li l-mozzarella tkun imqatta biċċiet żgħar ħafna jew irqaq. Inkella din tieħu ħafna żmien biex iddub. L-aħjar ħaġa hu li tuża l-imħakka minn-naħa ta’ fejn hi l-iħxen.
Pizza Magħluqa
Tista tagħmel din it-tip ta’ pizza, dik li t-Taljani jgħidulha Calzone. Din hija tajba ħafna u tista tuża l-imaġinazzjoni u l-l-gosti tiegħek u tal-familja fl-għażla ta’ l-ingredjenti. Dawn huma ftit eżempji kif tista timla l-pizza:
Irkotta ,spinaċi u mozzarella.
Mozzarella, perżut u faqqiegħ.
Mozzarella, spinaċi u ħut li trid; bħal lampuki, tonn taż-żejt etc.
Mozzarella, tiġieġ, faqqiegħ, spinaċi u għasel.
Pizza Tradizzjonali
Il-pizza tradizzjonali hija dik ċatta. Hija ferm diffiċli li meta sajjarha fil-forn tad-dar ikollha l-istess togħma bħal dik li nieklu minn barra. Dan għaliex biex issajjar il pizza tradizzjonali trid il-qiegħa u mhux pjanċa tal-forn tad-djar.
Veġetarjana
Qarabagħli, brunġiel, sweetcorn, piżelli, basal, zalza u mozzarella.
Quattro formaggi bl-Aruka u Perżut Taljan (Parma Ham)
4 tipi differenti ta’ ġobon: Gruyère, Fontina, Mozzarella u Blue Cheese, aruka u slices tal-perżut.
Pizza tan-Nanna
Ingredjenti
400g irkotta
600g patata mqatta rqiqa ħafna Crisps
120g basal imqatta rqiq
80g qlub tal qaqoċċ
ftit bużbież
slices tat-tadam
sinna tewm
bżar u melħ
zalza
mozzarella
ftit ħalib
riegnu
Metodu
- Għamel l-għaġina tal-pizza u iftaħ skont id-daqs li trid. Poġġiha fuq pjanċa tal-forn.
- Ġo bieqja qiegħed l-irkotta u għaffiġha. Żid magħha ftit ħalib u bżar u melħ.
- Qiegħed ftit zalza fuq l-għaġina.
- Fuq din iz-zalza għamel it-taħlita ta’ l-irkotta flimkien ma’ ftit mozzarella.
- Ġo bieqja kbira poġġi l-patata, il-basal, il-qlub tal-qaqoċċ, bużbież, riegnu u nofs il-mozzarella li jkun baqa. Ħallat tajjeb.
- Qiegħed din it-taħlita fuq l-irkotta. Żejjen il-wiċċ bil-bqija tal-mozzarella u s-slices tat-tadam.
- Sajjar f’forn jahraq. Jekk trid meta toħroġ mill-forn ferrex ftit żejt taż-żebbuġa.
- (Din ir-riċetta tal-pizza hija oriġinali ta’ Anton B. Dougall)