Meta tkun se ssajjar biċċa laħam fil-forn, għandek toqgħod attenta għal ħafna affarijiet. L-aktar aspett importanti hu li m’għandek QATT tagħżel biċċa laħam kbira.
Jekk il-biċċa maqtugħa tkun kbira ħafna, hemm iċ-ċans li din issir minn barra u tibqa’ nejja minn ġewwa. Jekk il-laħam ikun ċanga ma jkun ġara xejn għax ħafna jħobbu jiekluha rare jew medium. Min-naħa l-oħra kemm il-majjal kif ukoll il-ħaruf iridu jissajru sew saħansitra minn ġewwa. Termometru tal-laħam hu għodda meħtieġa li jgħarrfek tajjeb jekk il-laħam ikunx sar jew le.
Tajjeb ukoll li tiftakar li fil-platt flimkien mal-laħam se jkollok patata u ħaxix. Jekk isservi porzjonijiet akbar milli l-mistednin tiegħek jifilħu jieklu se jkollok ħafna ħela.
Ingredjenti
koxxa, spalla jew kustilji tal-majjal mingħajr għadam
1kg karrotti
500g basal
tewm… skont kemm tiggosta
ilma
klin
bżar mitħun frisk u melħ
Metodu
- Ixgħel il-forn 2300C, gass numru 8.
- Qaxxar il-basal u aqsmu min-nofs. Aħsel il-karrotti, qaxxarhom u aqsamhom ukoll min-nofs. Iksi l-qiegħ ta’ dixx tal-forn bihom.
- Naddaf il-majjal, agħmel ħafna xquq fih b’ponta ta’ sikkina u daħħal it-tewm imqaxxar fix-xquq.
- Qiegħed il-majjal fuq il-basal u karrotti. Roxx ftit bżar, melħ u klin fuqu.
- Żid daqs 3 tazzi ilma u għatti d-dixx bil-fojl. Għatti d-dixx kollu u mhux il-majjal biss.
- Sajjar l-ewwel 25 minuta b’temperatura ta’ 2300C, gass numru 8 u wara baxxi t-temperatura għal 1900C, gass numru 5.
- Neħħi l-fojl 30 minuta qabel ikun lest il-majjal biex dan jieħu kulur ħamrani. Ara li ma tweġġax bil-gravy jagħli waqt li tkun qed toħroġ id-dixx mill-forn.
NOTA: Il-laħam irid jissajjar hekk:
- Għal kull 500g laħam ikun hemm bżonn ta’ 35 minuta sajran.
- Qatt m’għandek isservi l-basal u l-karrotti li jkun hemm taħt il-laħam minħabba li jkunu mimlijin xaħam. Dan jgħodd ukoll bil-wisq aktar għall-gravy.