Majjal Mimli

Il-majjal meħtieġ għal din ir-riċetta jista’ jkun spalla, kustilji jew żaqq. L-importanti hu li l-qatgħa tkun biċċa waħda u ċatta.

Ingredjenti

2 kg majjal
400g basal
300g frak tal-ħobż… l-aħjar li jkun magħmul minn ħobż xott tal-Franċiż
ħafna weraq tas-salvja
sagħtar frisk
żejt taż-żebbuġa
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

  • Ixgħel il-forn 2000C, gass numru 6.
  • Poġġi l-majjal fuq il-mejda tal-kċina u roxx ftit bżar u melħ fuqu.
  • Qaxxar il-basal u qattgħu f’biċċiet żgħar ħafna.
  • Saħħan ftit żejt ġo taġen u qalli l-basal. Ħawwad il-ħin kollu biex il-basal ma jiħux kulur.
  • Warrab ftit weraq tas-salvja għall-wiċċ. Qatta’ s-sagħtar u l-bqija tas-salvja f’biċċiet żgħar ħafna.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar u żid il-ħwawar u l-frak tal-ħobż. Roxx ftit bżar u melħ u ħawwad tajjeb.
  • Qiegħed din it-taħlita fin-nofs tal-majjal għat-tul. Gerbeb il-majjal tajjeb u orbtu bl-ispag biex ma jinfetaħx. Agħmel werqa tas-salvja taħt kull dawra tal-ispag.
  • Poġġi gradilja fil-qiegħ ta’ dixx tal-forn kbir. Din il-gradilja trid tkun tiflaħ il-piż tal-majjal.
  • Żid ftit ilma u għatti l-majjal bil-fojl.
  • Sajjar fil-forn għal madwar sagħtejn. Neħħi l-fojl għoxrin minuta qabel toħroġ il-majjal mill-forn biex jilħaq jiħmar ftit.
  • Oħroġ il-majjal mill-forn b’attenzjoni kbira, neħħih mid-dixx u poġġih fuq platt.
  • Ħalli l-majjal jiksaħ ftit qabel tqattgħu b’sikkina tajba.

Nota: Waqt is-sajran, oħroġ il-majjal mill-forn kull 20 minuta u neħħi l-fojl. Taqqab il-wiċċ b’furketta, iġbor il-likwidu li joħroġ u ferrxu fuq il-majjal. B’hekk dan ma jinxifx.

Shopping Basket