Spare Ribs

L-ispare ribs jistgħu jkunu kemm kustilji tal-majjal kif ukoll taċ-ċanga. Huma l-aktar qatgħa tal-laħam irħisa u ssibhom fuq kważi kull menù tar-ristoranti madwar id-dinja. Ġeneralment, kull rack ikollha bejn 11 u 13 – il kustilja.

Ingredjenti

2 racks ta’ spare ribs
100g basal
60g zokkor ismar
50g kunserva
3 mgħaref barbecue sauce
3 mgħaref għasel
2 mgħaref Worcestershire sauce
2 mgħaref whisky
mgħarfa żejt taż-żebbuġa
½ mgħarfa paprika
tazza mdaqqsa ilma
½ kikkra ħall abjad
tewm… skont kemm tiggosta
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

  • Ixgħel il-forn 1500C, gass numru 2.
  • Naddaf il-laħam u aqsam kull rack fi tnejn. Roxx ħafna bżar u ftit melħ fuqhom. Uża subgħajk biex tkun ċerta li kull kustilja tinkesa sew bil-bżar u melħ.
  • Geżwer fil-fojl u qiegħed fuq dixx tal-forn. Sajjar fil-forn għal madwar siegħa u tliet kwarti.
  • Meta jkunu saru, neħħi l-fojl u poġġihom fuq xibka tal-ħadid. Qiegħed dixx kbir taħt ix-xibka biex ix-xaħam u l-likwidi tal-laħam ikomplu joqtru fih.
  • Qaxxar il-basal u t-tewm u qattagħhom f’biċċiet żgħar.
  • Saħħan ftit żejt ġo kazzola żgħira u qalli l-basal. Ħawwad il-ħin kollu biex il-basal ma jiskurax. Żid it-tewm, il-kunserva, iz-zokkor, l-għasel u l-Worcestershire sauce. Qiegħed fuq nar moderat sakemm it-taħlita tiftaħ tagħli. Baxxi n-nar u kompli sajjar għal 5 minuti.
  • Żid il-whisky, il-paprika, il-ħall, il-barbecue sauce u l-ilma. Roxx iżjed bżar u melħ. Ħawwad tajjeb u kompli sajjar sakemm it-taħlita terġa’ tiftaħ tagħli. Baxxi n-nar u ħalliha ttektek għal madwar siegħa. Importanti ħafna li din iz-zalza ma tinħaraqx u li tkun magħquda.
  • Erġa’ ixgħel il-forn, din id-darba 2400C, gass numru 9, madwar nofs siegħa wara li z-zalza tkun ilha fuq in-nar.
  • Idlek kull kustilja biz-zalza li ħejjejt għal aktar minn darba. Poġġi l-kustilji fuq dixx nadif tal-forn u sajjar għal madwar 10 minuti.
  • Servi sħan ħafna.
Shopping Basket