Għaġina Ħelwa

Għaġina Ħelwa

L-għaġina ħelwa hija waħda mill aktar għaġejjen importanti fl-arti tat-tisjir.  Hija għaġina bażika li biha nagħmlu ħafna riċetti tal-ħelu.

Huwa mportanti ħafna li tifhem tajjeb ir-riċetta, li tkun se tagħmel u taqra u terġa taqra il-metodu, biex tkun żgur li fhimt kollox.  Dan għaliex huwa mportanti li timxi mar-riċetta u l-metodu għaliex inkella se jkollok ħafna żbalji u żgur li l-għaġina ma tigiex tajba.

Huwa dejjem l-aħjar li l-għaġina tkun friska.  Imma tista tagħmel din sa jumejn qabel.  Tista tiffriża l-għaġina però mportanti li tagħmel tabella fuq il-borża bl-isem ta’ l-għaġina u data li tkun għamiltha. Għaġina li tinżamm għal żmien twil fil-friża timtela bil-kristalli ta’ l-ilma u titlef ukoll il-kulur.

Riċetta

Ingredjenti

480g dqiq plain

300g margarina

120g zokkor

bajda

ftit qoxra tal-lumija maħkuka

Metodu

  1. Ġo skutella għarbel id-dqiq.  Trid tgħarblu għal aktar minn darba.  Int u tgħarbel id-dqiq trid iżżomm il-passatur kemm tista ‘l fuq.  Din biex iddaħħal kemm tista arja, int u tgħarbel.
  • Żid il-margarine.  Jekk se tuża l-mixer, biex tagħmel l-għaġina; allura trid tuża l-ganċ.  Tista tagħmel din l-għaġina b’ idejk.
  • Ħaddem sewwa bejn idejk il-margarine u d-dqiq, sakemm it-taħlita tiġi qisha ramel safrani.  Ma tridx tibqa tidher il-margarine.  (ara ritratt 1)
  • Ġo bieqja żgħira ħallat il-bajda flimkien maz-zokkor u l-lumi.  Ħallat sew.  Żid din it-taħlita ma’ dik tad- dqiq u margarine.  Ħallat sew u għaqqad biex itfforma għaġina.  Hija mportanti ħafna li tħaaddem biss għal ftit minuti.
  • Jekk tkun qed tuża l-mixer naddaf tajjeb il-ganċ.  Ifforma l-għaġina f’ forma ta’ ballun.  Ma tridx iżżid dqiq.  Poġġi l-għaġina f’ bieqja u għatti tajjeb b’ sarvetta mxarrba.
  • Jekk qed tagħmel l-għaġina b’idejk; neħħi l-għaġina kollha li jkollok mas-swaba.  Ifforma l-għaġina f’ forma ta’ ballun.  Ma tridx iżżid dqiq.  Poġġi l-għaġina f’ bieqja u għatti tajjeb b’ sarvetta mxarrba.
  • Trid tħalli l-għaġina toqgħod mil-lanqas għal siegħa.  Jekk it-temp ikun sħun jew inkella jkollok il-kċina sħuna; allura trid tpoġġiha fil-fridge.

Punti Mportanti

DQIQ                   Dan irid ikun dejjem plain.  Qatt u qatt ma għandu jintuża dqiq self-raising jew inkella żżid il-baking powder.  L-għaġina trid tiġi qisha gallettini u mhux qisek qegħda tiekol kejk.  Jekk iżżid il-baking powder md-dqiq, ir-riżultat ikun għaġina minfuħa.

MARGARINE       Trid tuża margarine l-istess bħal dik li tintuża għal-kejkijiet.  Dik il-margarine ratba li tinsab fi skutelli ma hijiex tajba biex tagħmel l-għaġina.

MISTRIEĦ           Importanti ħafna li l-għaġina tistrieħ għal ftit ħin wara li tkun ffurmajtha f’ forma ta’ ballun (dough) Jekk ma tagħmilx hekk tibda titfarrak.

IŻŻIDX DQIQ      Meta l-għaġina tkun lesta ġieli ninnutaw li din tkun ratba, u allura nibdew inżidu aktar dqiq.  MA TRIDX IŻŻID XEJN.  Ħalli l-għaġina tistrieħ u meta tiġi biex tużaha, tara kif l-għaġina tkun tajba.  Jekk iżżidu ħafna dqiq l-għaġina tiġi xotta u tinqasam meta tiftaħa.

FIL-FRIDGE         Tista tagħmel l-għaġina u tħalliha fil-fridge minn 2 sa 3 ġranet qabel tużaha.

FRIŻA                  Tista tiffriża l-għaġina.  Meta tagħmel hekk trid tpoġġi tabella bl-isem u bid-data, fuq kull borża.  Tħallix l-għaġina għal aktar minn 4 ġimgħat.

Shopping Basket