Cornish Pies b’Differenza

Tradizzjonalment, il-mili tal-Cornish pies jikkonsisti minn ċanga mqattgħa, patata, basal u bżar u melħ. Hekk jissajru ġewwa Cornwall, fl-Ingilterra, fejn huma meqjusin bħala d-dixx tradizzjonali tal-lokal. F’lokalitajiet oħrajn jeżistu varjazzjonijiet fit-tip ta’ laħam użat għall-mili. Il-Cornish pies jissejħu wkoll pasty jew pastie.

Fl-Amerika huma magħrufin bħala British pasty. Dan minħabba l-fatt li kienu ħaddiema tal-minjieri minn Cornwall li daħħluhom fil-pajjiż meta emigraw hemmhekk. L-istess għamlu dawk il-ħaddiema li emigraw lejn l-Awstralja. Illum il-ġurnata l-Cornish pies huma popolari madwar id-dinja kollha.

Ingredjenti

800g għaġina tat-torti… skont ir-riċetta ‘Għaġina tat-Torti’ mogħtija f’dan il-ktieb
bajda mħabbta

Ingredjenti Għall-Mili tal-Laħam

300g kapuljat taċ-ċanga
200g basal imqatta’ rqiq
150g karrotti mqattgħin rqaq
żejt taż-żebbuġa
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

Saħħan ftit żejt ġo taġen kbir u qalli l-basal. Żid il-kapuljat taċ-ċanga u l-karrotti. Kompli sajjar sakemm isir il-kapuljat. Ħawwad il-ħin kollu. Roxx ftit bżar u melħ u ħawwad.

Ingredjenti Għall-Mili tat-Tonn taż-Żejt

400g spinaċi msajra
landa kbira tonn taż-żejt
żebbuġ iswed bl-għadma
bżar mitħun frisk u melħ

Metodu

  • Qattar sew l-ispaniċi mill-ilma, qattagħha f’biċċiet żgħar u poġġiha ġo skutella.
  • Naddaf iż-żebbuġ mill-għadma u qattgħu f’biċċiet żgħar.
  • Qattar tajjeb it-tonn taż-żejt u żidu mal-ispinaċi. Żid iż-żebbuġ imqatta’, roxx ftit bżar u melħ u ħawwad tajjeb.

Kif tagħmilhom

  • Ixgħel il-forn 1800C, gass numru 4. Iksi dixx tal-forn b’karta tal-forn.
  • Iftaħ l-għaġina. Din la trid tkun irqiqa ħafna u lanqas ħoxna żżejjed.
  • Aqta’ l-għaġina f’tundjaturi ta’ madwar 18-il ċm dijametru. Tista’ tuża platt ċatt biex taqta’ madwar il-forma tiegħu.
  • Agħmel ftit mili fin-nofs tal-għaġina u idlek it-truf bi ftit ilma.
  • Tella’ t-truf tal-għaġina u agħfas b’subgħajk biex tagħtiha l-forma tipika tagħha (ara r-ritratt).
  • Idlek bil-bajda mħabbta u poġġi l-Cornish pies fuq id-dixx tal-forn.
  • Aħmi għal madwar 20-30 minuta.

Servi sħan.

Shopping Basket