Ingredjenti
2 kg flett taċ-ċanga
400g fwied tat-tiġieġ
150g basal
200g faqqiegħ
60g marġerina
kilo u nofs għaġina sfoll
2 grokkijiet Vermouth
bajda mħabbta
perżut ta’ Parma maqtugħ irqiq ħafna
bżar midħun frisk u melħ
żejt
ġunġlien
Metodu
- Il-laħam irid ikun biċċa waħda sħiħa. Irid ikun mill-parti l-ħoxna tal-flett u mhux minn naħa ta’ fejn ikun aktar ċatt. Fuqu roxx ftit bżar u melħ u qegħdu fuq platt catt.
- Qaxxar u qatta l-basal f’biċċiet zgħar.
- Saħħan taġen u dewweb fih nofs il-marġerina. Qalli l-basal kemm jista jkun malajr. Trid tħawwad il-ħin kollu biex il-basal ma jinħaraqx.
- Żid il-fwied tat-tiġieġ u kompli sajjar sakemm isir kollox. Waqt is-sajran trid tħawwad ta’ spiss. Roxx ftit bżar u melħ u żid żewġ grokkijiet Vermouth. Meta l-fwied u l-basal ikunu saru idħan kollox permezz tal-blender.
- Saħħan il-forn Gas numru 7, 2200C.
- Aħsel u qattagħ l-faqqiegħ f’biċċet żgħar ħafna. Iridu jkunu żgħar ħafna biex ma jkollokx bżonn li tidħanhom ukoll.
- Saħħan taġen u dewweb fih il-bqija tal-marġerina. Qalli għal ftit ħin il-faqqiegħ.
- Idlek il-flett bi ftit zejt, u qegħdu ġo dixx tal-forn. Sajjar għal madwar 20 minuta ġol-forn jaħraq. Trid tagħmel attenzjoni biex il-flett ma jitbaskatx, għax inkella jibbies. Meta jkun sar neħħi mid-dixx u għamlu fuq xibka tal-metall biex iqattar tajjeb.
- Iftaħ biċċa għaġina sfoll. Ma tridx tkun irqiqa għax inkella malajr tinqasam. Id-daqs tal-għaġina irid ikun it-tul tal-flett u ftit aktar wisgħa.
- Jekk tara li jkun hemm likwidu mal-flett, allura ixxuttah ftit b’sarvetta tal-karta.
- Idlek il-wiċċ tal-flett bt-taħlita tal-fwied tat-tiġieġ. Ma tridx tagħmel ħafna minn din it-taħlita. Qiegħed il-faqqiegħ fuq din it-taħlita. Għatti kollox bil-perżut. Int u tqiegħed il-perżut trid tagħfsu kemm tista biex it-taħlita tiġi ħaġa waħda.
- Qiegħed il-laħam fuq l-għaġina. Idlek ix-xfarijiet tal-għaġina bil-bajda mħabbta. Iftaħ biċċa għaġina oħra u biha għatti. Għafas tajjeb ix-xfarijiet tal-għaġina flimkien. Ix-xfarijiet iridu jkunu magħluqin tajjeb għaliex inkella waqt is-sajran il-mili joħroġ kollu. Neħħi xi għaġina li jkun hemm żejda.
- Idlek il-wiċċ tal-għaġina bil-bajda mħabbta. Xaqqaq l-għaġina u jekk trid ferrex ftit ġunġlien.
- Sajjar ġo forn jaħraq għal madwar 30-35 minuta. Suppost li l-laħam, minn ġewwa, jkun xi ftit ħamrani (medium) jekk tħobbu aktar ħamrani sajjar għal 20-25 minuta. Issajjrux għal aktar ħin għax inkell l-laħama jibbies u l-għaġina tinħaraq.
- Trid tħallih jibred qabel ma taqtgħu. Servi sħun flimkien ma’ xi gravy u xi ħaxix mgħolli.